Il-Kunsill Reġjonali tan-Nofinhar ħabbar li qed jorganizza sensiela ta’ sessjonijiet tal-arti għall-anzjani residenti fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt ir-Reġjun, bl-isem ta’ ‘Art for Active Ageing’. L-għan ta’ dawn l-attivitajiet huwa li jippromwovu l-kultura lokali tal-irħula fir-Reġjun u dak kollu li jsawwarha.
Dawn l-attivitajiet soċjokulturali qed jikkordinahom l-artist Ryan Galea.
Is-sessjonijiet qed isiru fil-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Birżebbuġa, u Ħal Qormi.
Anzjana li qed tattendi għal dawn is-sessjonijiet qaltilna kemm kienet sorpriża għaliha meta saret taf bid-diversità ta’ attivitajiet li qed isiru, fosthom line dancing, tpinġija, ikel u bosta aktar. Hija rringrazzjat l-għalliema u l-carers kollha għad-dedikazzjoni tagħhom.
Il-Ministru responsabbli għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, akkumpjanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, żaru ċ-ċentru ta’ Ħal Qormi fejn segwew lill-anzjani jipprattikaw l-arti u ltaqgħu magħhom.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, Jesmond Aquilina, esprima s-sodfazzjon tiegħu għall-fatt li r-rispons għal dawn l-attivitajiet kien pożittiv. Huwa stqarr li l-Kunsill Reġjonali se jkompli bil-ħidma tiegħu favur l-anzjani u sabiex tkompli tiġi minimizzata l-problema tas-solitudni.