Nhar il-Ħadd li ġej, il-Partit Laburista se jagħmel attività għall-familja kollha fil-Park ta’ San Klement, f’Ħaż-Żabbar.
Għal din l-attività, bl-isem ta’ “Niltaqgħu fil-Park”, se jattendi wkoll il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.
L-attività mistennija tibda għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, u tispiċċa fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar.
Għal din l-attività għall-familja kollha se jkun hemm logħob għat-tfal, artiġġjanat Malti, tradizzjonijiet Maltin, u mużika.
Fil-ġimgħat li għaddew l-Aġenżija Project Green estendiet dan il-Park b’elfejn u tliet mitt metru kwadru.
Dwar dan tkellimna mas-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech, li spjega li x-xogħlijiet f’din iż-żona inkludew it-tneħħija tal-ħaxix salvaġġ, kif ukoll it-tħawwil ta’ mitejn u ħamsin siġra u arbuxell u l-installazzjoni ta’ bankijiet magħmula b’materjal sostenibbli.
“Din l-area kienet essenzjali għalina, għax id-domanda għal dan il-park kienet kbira ħafna u proprju dejjem jistaqsu iktar: ‘Isma’, fejn se nkunu qed nirrikreaw ruħna u żona għall-piknics?”. Allura ż-żona l-ġdida, li kienet żona mitluqa, illum nistgħu ngħidu li se titgawda b’mod ambjentali lura lill-familji tal-lokalità tagħna u dawk li joqogħdu fil-madwar.”
Is-Sindku spjega li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar qiegħed jaħdem biex ikompli jsaħħaħ l-ambjent tal-lokalità.
Fil-fatt, is-Sindku Grech tkellem fuq ix-xogħlijiet ta’ ġnien elevat li qed isir fi Ġnien Santa Duminka u l-proġett taż-żona tal-Biċċieni.
Is-Sindku Grech tkellem ukoll fuq il-proġett tal-Urban Greening fil-venda l-antika.
“L-eks terminal tal-karozzi tal-linja, qed naraw li minn żona ta’ parkeġġ illum il-ġurnata qed narawha bi ġnien u żona fejn in-nies jistgħu jirrikreaw ruħhom fiċ-ċentru tal-lokalità. ”
Dwar l-attività ta’ nhar il-Ħadd, is-Sindku Jorge Grech appella biex il-familji Maltin u Għawdxin jatttendu għal din l-attività.
“Inħeġġu lin-nies kollha tal-akkwati, li għadhom qatt ma gew f’dan il-park, biex jingħaqdu magħna hawnhekk. Flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, iduru ma’ dan il-Park u niltaqgħu lkoll f’dan il-park.”