Il-Ħadd filgħodu, Project Green, b’kollaborazzjoni ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi, organizzat attività tat-trekking.
Din il-mixja bdiet minn Burmarrad, u r-rotta kompliet lejn il-Bidnija, il-Magħtab u s-Salini.
Tul is-sena li għaddiet, l-aġenzija Project Green, irriġenerat disa’ widien, li issa jistgħu jitgawdew fl-intier tagħhom mill-familji f’pajjiżna.
Tkellimna ma’ Ivan Farrugia, li huwa l-Kap tal-Operazzjonijiet ta’ Project Green, proprju qabel ma bdiet din l-attività.
Huwa spjegalna kif bix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni li saru, iż-żona se tkun tista’ żżomm mat-tmienja u tletin elf metru kubu ta’ ilma, li jispiċċa fil-watertable.
Qal, “Illum iltaqjna hawnhekk biex nagħmlu mixja matul dawn il-widien, diversi widien f’dawn l-akwati li se ssir il-mixja fihom, bl-iskop huwa li naraw il-widien kif qegħdin u kif ġew issa, li ngħataw lura lill-pubbliku nodfa u mingħajr l-iskart u s-siġar invażivi.”
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, tkellem ukoll Ingram Bondin, li huwa l-President tar-Rambler’s Association.
Qal, “Aħna nippromwovu anke il-wirt naturali ta’ pajjiżna. Għalina dawn l-interventi fejn jitnaddfu l-widien, jitneħħew speċi invażivi, u hekk, proġetti ta’ rijabilitazzjoni, huma importanti għat-tgwadija tal-pubbliku li joħroġ jimxi fil-kampanja ma jarax post żdingat u mitluq, u jiddejjaq u ma jmurx jimxi aktar, imma aktar jinġibed u jmur f’dak il-post.”
Bernard Sharnes, f’isem Lesiure Ventures, tkellem magħna dwar l-istat li kien jinsab fih il-wied qabel ġie rriġenerat.
Qal, “Niftakar, li stat li kien fih dan il-wied, kien naqra marandat. Imxejnih diversi drabi qabel u naturalment nieħdu gost b’dawn ix-xogħlijiet li jipproteġu l-ambjent.”
Tul is-sena 2023, l-aġenzija Project Green wettqet diversi interventi f’widien differenti, permezz tat-tneħħija ta’ skart mormi, l-eliminazzjoni ta’ speċi invażivi, u t-tneħħija ta’ sediment żejjed.
Din is-sena, Project Green se tagħmel interventi ambjentali f’seba’ widien oħra f’diversi lokalitajiet bħar-Rabat, is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u l-Baħrija.