F’ġurnata xemxija, l-għaqda mhux governattiva Wave of Change tellgħet clean-up fil-bajja tal-Fekruna f’San Pawl il-Baħar bħala parti mill-kampanja #doublethewave.
Għexieren t’attivisti ngħaqdu biex mill-baħar tellgħu mijiet ta’ biċċiet ta’ skart li kien mormi maż-żminijiet, bħal plastik, sigaretti, tyres u ħadid. Bosta bugħaddasa għenu wkoll biex jittella’ skart goff minn qiegħ il-baħar.
Fost dawk li ħadu sehem biex iqajmu aktar għarfien kien hemm ukoll ċkejknin, li qalulna x’ġabru minn qiegħ il-baħar.
Oħrajn li mhux darba jew tnejn taw sehemhom biex jitnaddaf il-baħar, innotaw kif fl-aħħar snin kien hawn żieda fil-plastik mormi fil-baħar u appellaw għal aktar kuxjenza u responsabbiltà.
L-organizzatur Steve Farrugia kellu messaġġ għal kull min jarmi l-iskart barra: “Qisek qed tarmi fil-kamra tas-sodda tiegħek. Il-baħar huwa ta’ kulħadd u huwa tagħhom ukoll, ma trid titfa’ xejn il-baħar, lanqas sigarett, xejn. Mhux il-baħar biss għax anki jekk tagħmel ix-xita u titfa’ sigarett mal-art fit-triq meta tagħmel ix-xita dak hawn ser jispiċċa fil-baħar.”
Fost dawk preżenti għal din it-tindifa kien hemm ukoll l-għawwiem Malti, Neil Agius li jagħmel parti minn din l-ogranizzazzjoni fejn ħeġġeġ aktar persuni jissieħbu fl-għaqda u jagħmlu l-parti tagħhom.