Il-Fondazzjoni tal-klieb Gwida u l-Għaqda Maltija ta’ Persuni Neqsin mid-Dawl ingħaqdu flimkien biex jorganizzaw attività sabiex tinħoloq aktar kuxjenza dwar persuni neqsin mid-dawl f’Malta.
One News żar din l-attività li saret fi Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta fejn hemmhekk stajna nsegwu wħud mit-tagħlim u informazzjoni li beda jingħata l-pubbliku biex ikunu aktar t’għajnuna għal dawk neqsin mid-dawl.
Hemm hekk tkellimna wkoll ma’ Alfred Reale, persuna li hu nieqes mid-dawl li spjegalna kif il-kelba tiegħu Adelle tgħinu kuljum f’ħajtu.
‘Adelle għamlitli d-fifferenza kollha hux. Ħeqq illum il-ġurnata, inħalli f’idejha biex tmexxini. Barra minn Malta jħobbu jużaw il-frażi flok ‘guide dogs,’ ‘my eyes.’ Għaliex hi għajnejja hux. Jiġifieri x’ħin noħroġ għalkemm jien ikolli f’moħħi fejn irrid immur, Adelle hi tiskapulali l-obstacles li nsib fit-triq.
F’din l-attività ġew organizzati diversi eżerċizzji u sessjonijiet informattivi differenti fosthom li jpoġġu lil min jagħżel jattendi f’post persuna li tkun nieqsa mid-dawl u jgħattula għajneja.
Hawnhekk huma jiġu gwidati bħalma jiġu gwidati persuni nieqsa mid-dawl mill-kelb tagħhom, sabiex jifhmu aħjar ir-realtajiet differenti ta’ dawn il-persuni.
Din l-eżerċizzju huwa msemmi l-Experience Tunnel u dwaru tkellimna ma’ Malcolm Naudi.
‘Hemmhekk qegħdin inħarrġu n-nies biex jippruvaw xi jfisser li tkun persuna nieqsa mid-dawl u x’jgħaddu minnhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-ostakli li jsibu meta jkunu fuq il-bankini’.
L-għan tal-Fondazzjoni tal-Klieb Gwida hu li tħarreġ lil dawk li huma neqsin mid-dawl sabiex isiru indipendenti fil-mobilità tagħhom, kemm permezz tal-bastun l-abjad u kif ukoll bil-klieb gwida.
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet li jiġu organizzati mil-Fondazzjoni tal-Klieb Gwida, wieħed għandu jżur il-paġna ta’ Facebook MGDF Malta Guide Dogs Foundation.