Fil-Park tal-Familja f’Selmun ittellgħet attività sportiva oħra ta’ suċċess, organizzata mill-Partit Laburista flimkien mal-Kumitat Lokali Laburista tal-Mellieħa.
Bis-sehem ta’ għexieren ta’ tfal u żgħażagħ minn kull rokna f’Malta, għal tliet sigħat sħaħ is-Sibt wara nofshinar, dan il-Park spazjuż inbidel f’żona għal seba’ dixxiplini sportivi differenti.
Fost dawn kien hemm il-Kung Fu, il-ġiri, l-atletika, il-football, l-iskateboarding, it-trekking u anke l-weightlifting.
Hawnhekk tkellemna mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi li tenna l-importanza li t-tfal tagħna jipparteċipaw u anke jkunu attivi.
Qal, “F’attività bħal din qed nippromwovu l-parteċipazzjoni fl-isport, aktar milli mill-att kompetittiv mill-att parteċipattiv. L-isport minnu fih apparti li iservi ta’ rilassament, iservi wkoll biex anke wieħed jaħdem f’sistema ta’ tim.”
Azzopardi nnota kif il-Partit Laburista fil-Gvern lanqas waqaf jinvesti fil-qasam sportiv ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Investiment li fi kliemu se jgawdu minnu wkoll il-ġenerazzjonijiet futuri.
Din ma kenitx l-unika attività sportiva li tella’ l-Kumitat Sportiv fi ħdan il-Partit Laburista hekk kif f’Ottubru li għadda, il-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa nbidlet f’Villaġġ Sportiv.