Nhar is-26 ta’ Diċembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jitgħaxxaq bil-ġmiel tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li partijiet minnu għadhom kemm ġew irrestawrati, u jissieħeb f’jum mimli attivitajiet relatati mal-Milied b’riżq il-Malta Community Chest Fund.
Dan il-jum, li hu sinonimu mal-ftuħ tar-rigali u x-xandira popolari tal-ġbir tal-flus għall-Istrina, se jara li, bl-għajnuna ta’ Heritage Malta, jitħejja rigal speċjali għall-viżitaturi, waqt li fl-istess ħin se jgawdu wkoll nies fil-bżonn.
Dawk kollha li se jattendu għal din l-attività, se jitpaxxew bid-dehra tas-siġra tal-Milied imżejna b’ċoff aħmar imdaqqas madwarha, flimkien mal-iskulturi kurjużi fuq il-faċċata tiegħu, il-bitħa stupenda u l-ġewwieni mimli rikkezzi uniċi.
L-għodwa se tibda b’pass immarċjat, hekk kif truppa ta’ żmien l-Ordni mill-In Guardia se tmexxi n-nies mill-Forti Sant’Iermu sal-Palazz fil-qalba tal-Belt Valletta. Dawn il-kavallieri u suldati kkuluriti se jkomplu janimaw il-binja maestuża tal-Palazz matul il-jum.
Il-pubbliku se jingħata wkoll l-opportunità li jiskopri l-ġrajjiet storiċi li se jittellgħu fi ħdan il-Palazz, permezz ta’ dawriet iggwidati u animati, offruti kemm bil-Malti fl-10:15 u bl-Ingliż f’11:45.
Dan l-avveniment se jikkonsisti minn mogħdijiet imserrpin, djar umli ġeblija, lampi jnemnmu u l-pajsaġġ mimli xagħri tal-istorja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Wieħed jista’ jżur ukoll ‘Il-Mixja tal-Presepju ma’ San Franġisk’, bħalissa murija fil-Palazz u isfel fil-bitħa ma’ ħlejjaq bir-rix li jidhru spiss fi ġrajjet gżiritna, il-famużi falkuni.
Minbarra hekk, għal dawk kollha appassjonati tal-istorja se jkun hemm kiosk armat apposta, li se jagħti ċ-ċans għas-sħubija ma’ Heritage Malta, jew biex studenti u anzjani jiġbru l-passaport tagħhom tal-istess entità.
Fattur ieħor li se jkompli jżid mal-atmosfera ta’ din l-attività hu bla dubju l-ikel fil-ħanut Orangerie, fejn wieħed jista’ jsib għażla mdaqqsa ta’ ħlewwiet u xarbiet ta’ dawn iż-żminijiet. Il-ħanut se jkun ukoll mimli b’oġġetti interessanti bħala tifkira ta’ dan il-jum speċjali.
L-Uffiċċju tal-President se jkun miftuħ għall-pubbliku waqt dan l-avveniment.
Id-dħul jista’ jsir permezz ta’ donazzjoni ta’ €2 u min jixtieq u jista’ jgħin xi ftit aktar se jkun jista’ wkoll jagħmel dan fil-kaxxi tad-donazzjonijiet b’riżq il-Malta Community Chest Fund.