Nhar il-Ħadd li ġej fiċ-Ċentru Laburista tal-Fgura, il-Partit Laburista se jkun jorganizza attività politika li fiha l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, se jwassal il-messaġġ tiegħu fi tmiem ta’ ġimgħa oħra impenjattiva.
Din se tkun l-ewwel attività politika li se ssir wara l-konferenza ġenerali tal-partit, bit-tema ‘Fiduċja F’Pajjiżna’. L-attività li kellha ssir fi tmiem il-ġimgħa l-oħra kellha titħassar minħabba maltemp qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi u jisma’ l-messaġġ tal-Prim Ministru.
“Nhar il-Ħadd il-Prim Ministru Robert Abela ħaqqu li jingħata merħba mill-isbaħ ġewwa l-Fgura. Kull meta morna l-Fgura dejjem kellna merħba sabiħa. Kellna nagħmluha l-ġimgħa l-oħra imma, minħabba l-maltemp, tħassar kollox. Allura issa l-appuntament għal nhar il-Ħadd biex nisimgħu l-kliem dirett tal-Prim Ministru – mhux x’jgħid ħaddieħor li jkun qal il-Prim Ministru, imma mmorru hemm, nagħtuh il-merħba u nisimgħu l-messaġġ illi jkun qiegħed iwassal.”
L-attività politika bis-sehem tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista tibda fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu.
Kulħadd huwa mistieden u jattendi.