Bħal kull sena, l-aħħar ġimgħa ta’ Settembru tkun iddedikata għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, fejn pajjiżna se jkun qed jieħu sehem ma’ pajjiżi oħrajn.
Waqt li hi l-prassi li diversi kunsilli jorganizzaw avvenimenti individwali, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur ħaseb għal attività partikolari biex tgħin lill-għaqda mhux governattiva Puttinu Cares, li taħdem ma’ tfal morda.
L-attività msejħa ‘The Morning Dash Clash 5 KM’, li se tkun ukoll l-ewwel tiġrija tax-xorta tagħha b’kollaborazzjoni mal-Malta Employees Sport Association (MESA), se tara dixxiplini sportivi, bħall-futbol, is-snooker, il-boxing u taħriġ fil-gym, minbarra l-ġiri.
Il-Kunsilliera Mariah Meli, li hi responsabbli mill-isport, l-attivitajiet fiżiċi, is-saħħa, is-settur tad-diżabbiltà u programmi tal-Unjoni Ewropea fil-lokal, spjegat dak li għandhom jistennew dawk li jattendu għall-attività.
“Għall-ewwel darba se jkollna diversi kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet sportivi u dan se jagħmel l-attivitajiet ferm iktar interessanti. L-għan ukoll hu li ngħaqdu numru ta’ persuni ta’ etajiet differenti u jieħdu pjaċir flimkien,” tenniet Meli, waqt li spjegat li, għalkemm il-parteċipazzjoni hi bla ħlas, se tkun qed tintalab donazzjoni minima ta’ €5 li tmur għall-Fondazzjoni Puttinu Cares.
Waqt li l-attivitajiet huma mifruxin bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru, il-qofol jintlaħaq fi tmiem il-ġimgħa tat-28 u d-29 fejn se jsiru numru ta’ attivitajiet sportivi f’daqqa. Diversi entitajiet tal-lokal, fosthom Għargħur FC, se jkunu qed jikkollaboraw ukoll.
Se jsiru wkoll diversi taħditiet u laqgħat dwar għadd ta’ temi relatati mal-isport.
Aktar tagħrif dwar dawn l-attivitajiet jinsab minn fuq is-sit https://docs.google.com/forms/d/e/1FAIpQLSdsPBoOngqyygkhBV6ZCvRj5P7_bcfxyICrNZXnL3-UOKpMOA/viewform.