Sabiex tikkommemora l-75 sena minn meta l-mara ngħatat id-dritt tal-vot f’pajjiżna, l-għaqda Nisa Laburisti organizzat attività bis-sehem ta’ bosta kelliema, fosthom mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela.
Waqt din l-attività ntwera wkoll dokumentarju esklussiv magħmul min-Nisa Laburisti li jitratta l-mixja lejn il-vot tan-nisa. Din il-produzzjoni hi bbażata fuq studju ta’ Carmen Sammut u Nadia Abdilla.
Dr Lydia Abela tkellmet dwar l-importanza li n-nisa jkunu protagonisti u mhux spettaturi, sabiex jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.
“Aħna rridu lin-nisa fit-tmexxija tal-pajjiż, mhux biss fis-servizz pubbliku u l-politika imma anke fil-privat, tant li l-Partit Laburista ppropona wkoll li kumpaniji privati li jkollhom 40% tat-tmexxija eżekuttiva tagħhom nisa jingħataw tax credit b’saħħtu,” qalet Dr Abela.
Dr Abela saħqet ukoll dwar l-obbligu li jibqgħu jsiru r-riformi u jitwettqu l-bidliet.
Il-President tan-Nisa Laburisti, Nikita Alamango, tkellmet dwar kif dan id-dokumentarju se juri mhux biss il-mixja lejn id-dritt tal-vot, iżda anke l-ħidma li saret tul dawn l-aħħar snin.
Preżenti għal din l-attività kien hemm, fost l-oħrajn, membri mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u Membri Parlamentari tal-Gvern.