Il-Ħadd filgħodu Ħaż-Żabbar sebaħ għal festa mill-isbaħ għad-dilettanti tal-karozzi hekk kif bosta esebixxew vetturi mill-isbaħ ta’ kull għamla.
Wara xhur ta’ preparamenti, ittellgħet il-ħdax-il edizzjoni taż-Żabbar Autofest fejn apparti għexieren ta’ vetturi esebiti jpaxxu l-għajn – folla ġmielha nġemgħet biex tieħu r-ritratti mal-karozzi u tikkontribwixxi għal kawża ġusta.
Tkellimna ma’ Kyle Magro, membru fi ħdan MMG Promotions.
Qal, “L-għan aħħari huwa biex issir b’għan nobbli u jinġabru l-flus għal ALS Malta. Din l-attività bdiet fl-2012 fejn kienu jieħdu sehem madwar 80 karozza fejn għal grazzja t’alla llum għandna qed niċċelebraw il-ħdax-il edizzjoni u għandna ‘l fuq minn 300 karozza esebita. Din l-attività qed tkompli tikber u qed inkomplu naraw li tkompli tkun ta’ suċċess sena wara l-oħra.”
L-attività bdiet fit-tmienja ta’ filgħodu u baqgħet għaddejja tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, bil-folla dejjem aktar tiżdied u l-mużika ma naqsitx.
Tkellimna wkoll ma’ Jason Camilleri, is-Segretarju tal-American Autoclub Malta, li esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għal avvenimenti bħal dawn li joffru ċans lid-dilettanti jesebixxxu x-xogħol tagħhom.
Qal, “Għalina hija attività mill-isbaħ hekk kif wara ħidma fil-garaxxijiet tagħna nkunu nistgħu nesebixxu xogħlna. Tlajna kemm-il darba barra minn Malta fejn filfatt l-aħħar li tlajna kienet l-Italja. Konna milqugħin b’mod tajjeb ħafna tant li ġejna mistednin biex nerġgħu nattendu.”
Il-fondi miġbura waqt din l-attività ngħataw b’donazzjoni lil ALS Malta li kienu wkoll preżenti.