Kulħadd huwa mistieden biex nhar il-Ħadd filgħodu, jingħaqad mal-membri tal-Kabinett u mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista biex jisma’ l-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.
Dan f’attività f’għeluq is-sena minn meta l-Partit Laburista, ingħata fiduċja b’saħħitha mill-poplu Malti u Għawdxi, biex jerġa’ jkun fit-tmun ta’ dan il-pajjiż għal leġiżlatura oħra.
Fis-sala taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, fejn se ssir il-laqgħa tal-Ħadd, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista ħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi.
Qal, “Nhar il-Ħadd li ġej huwa ċ-ċans biex dawk in-nies kollha li ilhom jgħidulna, meta ħa tagħmlu attività biex niġu nagħtu l-appoġġ lill-Prim Ministru Robert Abela? Nhar il-Ħadd huwa ċ-ċans, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fl-għaxra u nofs biex nisimgħu d-diskors tal-Prim Ministru ħa jgħidilna xi twettaq f’din is-sena mill-elezzjoni ġenerali imma iktar importanti, x’ħa jkompli jsir għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin fis-snin li ġejjin.”
Wara d-diskors tal-Prim Ministru, l-attività fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se tibqa’ għaddejja, hekk kif se ssir maratona ġbir ta’ fondi sas-sitta ta’ filgħaxija.
Tul dan l-ofstanar, se jintwerew filmati li jfakkru fil-mumenti sbieħ li l-poplu għex flimkien bħal dan iż-żmien sena, matul il-kampanja elettorali Malta Flimkien.
Qal, “Jekk tistgħu tgħinnu lill-Partit Laburista biex inkomplu nsaħħu lill-Partit u biex nippjanaw ħalli għas-snin li ġejjin ikollna kampanji li kienu bħal tas-sena l-oħra u nkomplu naħdmu biex inwasslu l-messaġġ tal-Partit Laburista għaliex huwa importanti li nkomplu nuru x’qed nagħmlu u x’se nkomplu nagħmlu għall-familji Maltin u Għawdxin.”
Il-Partit Laburista ħa ħsieb li jifaċċilita l-parkeġġ għal min se jattendi, hekk kif l-iskola ta’ ħdejn iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se tkun miftuħa biex min jattendi, ikun jista’ jipparkja hemm.