F’ġurnata ddominata minn xita qliel u maltemp qawwi li ħakem lill-gżejjer Maltin sa minn kmieni filgħodu, bosta Maltin xorta għażlu li jaqbdu l-karozza u jsuqu lejn il-maħżen tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far, biex jieħdu diversi oġġetti li qed jinġabru b’risq il-vittmi tat-terremoti fit-Turkija u fis-Sirja.
Fil-fatt, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħareġ appell it-Tlieta filgħaxija li fl-imħażen tiegħu f’Ħal Far f’Malta, u fix-Xewkija f’Għawdex, se jibda jilqa’ oġġetti ta’ għajnuna b’risq dawn il-vittmi.
ONE News żar il-maħżen f’Ħal Far, fejn kien hemm attività sħiħa ta’ nies li marru biex jieħdu l-affarijiet, l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li kienu qed jikkordinaw il-proċess, u numru ta’ voluntiera li qed jgħinu fl-ippakkeġġjar u t-tqassim fil-kaxex.
“Kif bdejna niġbru kien hawn konkorrenza kbira ħafna. Fil-fatt, ilbieraħ ippakkjajna mas-sitt mitt kaxxa. Illum, kif qed tara, dan kollu xogħol ġdid tal-lum biss, jiġifieri l-konkorrenza hija kbira ħafna.”
L-istation officer Joseph Schembri qalilna li l-ambaxxata Torka bagħtet bosta voluntiera biex jgħinu fit-tqassim fil-kaxex skont l-oġġetti.
Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili qed jieħdu ħsieb il-koordinazzjoni tal-proċess, speċjalment minħabba l-karozza li jinġabru fl-istess ħin fix-xita.
“Hawn min jibqa’ dieħel bihom jara daqxejn x’inhu għaddej, jew neħdulhom l-affarijiet aħna ġieli, minn ġol-karozzi, speċjalment ikunu anzjani ngħinuhom minn hemm, u x-xogħol għaddej. Qed nerġgħu nagħmlulhom wrap fil-plastik fil-kaxxi, biex anki ma jixxarrbux l-affarijiet, kemm Malta u anki barra.”
Fil-maħżen kien hemm minn kollox: minn ikel, għal kutri, għal ħrieqi tat-trabi, pushchairs, u heaters.
L-aktar li nġabru kienu ħwejjeġ.
“Hawnhekk il-ħwejjeġ jintagħżlu. Għandek ġgieget għalihom, tan-nisa għalihom, tal-irġiel għalihom, tat-tfal għalihom, underwear għalih, flokkijiet għalihom, biex hawnhekk jiktbu x’inhuma u anki, kif jiftħuhom hemmhekk, jafu x’se jsibu.”
L-istation officer kellu dan l-appell għal min bi ħsiebu jieħu xi oġġetti biex jintbagħtu lejn il-pajjiżi milquta.
“Oġġett li mhux tajjeb għalih, ma jġibulniex hawn, għax lilna jkun qed itellifna l-ħin għax xorta rridu noqogħdu nagħżluhom u nwarrbuhom u narmuhom aħna. Jiġifieri dak jiġi xogħol extra għalina. Li ma jkunx tajjeb għalik, mhux tajjeb għalina.”