Kull Ħadd ta’ Mejju bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofsinhar, fil-petting farm ta’ Ta’ Qali, se tkun qed tittella’ attività interattiva għat-tfal bl-isem ‘Furry Fun Sundays’.
Matul din l-attività, fi spazju miftuħ ta’ madwar 4,000 metru kwadru, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jgawdu l-annimali u japprezzaw aktar lil min jieħu ħsiebhom.
Se jkun hemm ukoll diversi attivitajiet għall-familja kollha, fosthom tħawwil ta’ pjanti kif ukoll opportunità biex it-tfal jiddisinjaw ġnien.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li attivitajiet bħal dawn iservu ta’ opportunità biex it-tfal ikunu eqreb tal-ħajja naturali u jsiru ħbieb tal-annimali, filwaqt li jitgawdew l-ispazji ħodor.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li din l-attività ser tgħin lit-tfal ikomplu japprezzaw l-importanza tal-annimali f’ħajjithom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, spjega li kull spazju miftuħ qed jingħata l-ħajja b’diversi attivitajiet.
“Ftit tal-ġranet ilu ftaħna l-ewwel green open campus ġewwa l-Mosta, illum ġewwa ta’ Qali qed niftħu l-ewwel spazju miftuħ li se jkollu t-tema wkoll tal-attivitajiet tat-tfal, u anke attivitajiet tal-annimali.”
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur il-paġni ta’ Facebook ta’ Project Green, Sostenibbiltà u Sajd.