Il-membru parlamentari Ewropew Laburista Alfred Sant esprima l-appoġġ tiegħu għall-ħidma agrarja ta’ familja tal-bdiewa minn Ħad-Dingli li jaħdmu art agrikola fil-wied tar-raħal tagħhom biex joffru prodotti ġenwini tal-biedja Maltija. Dr Sant qal dan meta żar ‘Diar il-Bniet’ f’Ħad Dingli, restorant tal-familja li jispeċjalizza fil-kċina tradizzjonali f’Ħad-Dingli. Dil-familja tipproduċi ġbejniet, għasel, ġulepp fost prodotti agrikoli oħra u toffri tours fl-għelieqi tagħhom għall-merħliet tan-nagħaġ u l-produzzjoni tal-ġbejniet u tad-dwieli u l-produzzjoni tal-inbejjed.
“ ‘Diar il-Bniet’ qed turi waħda mit-toroq li rridu nieħdu biex ma nħallux lill-biedja Maltija tkompli tinqered, kif beda jiġri kemm ilna fl-Unjoni Ewropea. Jixirqilha kull appoġġ. Ikun tajjeb jekk ikollna oħrajn bħalha.” qal Alfred Sant.
Is-sur Darren Mifsud, Direttur, qal lil Dr Sant li ‘Diar il-Bniet’ hija kburija li tuża l-prodotti agrikoli tagħħa li jinqatgħu mill-għelieqi tal-familja f’Ħad-Dingli. L-għelieqi jinsabu fuq medda kbira ta’ raba’ miksija b’ħamrija sabiħa li tiġi maħduma u ikkultivata. Il-ħamrija tipproduċi għadd differenti ta’ frott u ħaxix li jitħawlu skont l-istaġun tagħhom.
‘Diar il-Bniet’ timpjega 20 persuna f’dal-qasam.