Tul il-jum tal-Ħadd, il-Kumpless tal-Pulizija f’Ta’ Kandja kien miżgħud bl-attività għall-POLFEST, fejn diversi skwadri fi ħdan il-Korp ingħaqdu flimkien biex jorganizzaw jum ta’ attivitajiet għall-familja kollha biex jinġabru flus b’risq il-vittmi tal-krimintalitá.
Fil-fatt, din l-attività saret bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Victim Support Agency.
ONE News żar din l-attività, fejn seta’ jsegwi diversi attivitajiet li kienu qed isiru u li niżlu għasel b’mod partikolari mat-tfal, bħal ziplining, teħid tal-marki tas-swaba’ mill-uffiċjali tal-forensika, ħbiberiji ġodda maż-żwiemel u l-klieb tal-Pulizija u anki xi rikba jew dawra fil-vetturi tar-Rapid Intervention Unit, li jkunu tal-ewwel fuq il-post, f’xi aċċident jew każ ta’ emerġenza.
Abigail Sciberras, li hija uffiċjal tal-Pulizija fil-Komunità, spjegatilna aktar dwar dak li kien għaddej matul il-jum.
Qalet, “Hawn divertiment għall-familja kollha speċjalment għat-tfal. Għandna zipline, il-Pulizija taż-żwiemel, tal-Forensika qed jieħdu l-fingerprints tat-tfal, hawn aħna l-Pulizija tal-Komunità u hawn divertiment għal kulħadd.”
Dawk li attendew setgħu anki jixtru kotba li ngħataw lill-Pulizija mill-pubbliku bħala donazzjoni fl-aħħar ġimgħat, biex eventwalment jinbiegħu fl-attività tal-POLFEST, u l-flus miġbura jmorru b’risq il-ħidma tal-Victim Support.
Kap tas-Servizzi tal-Aġenzija Vittmi tal-Kriminalità Sylvana Gafà qaltilna kemm hi xi ħaġa sabiħa li jsiru attivitajiet bħal dawn meta l-pubbliku jaħseb f’dawn il-vittmi li jkunu għaddejjin minn żminijiet xejn faċli.
Qalet, “Aħna bħala servizz tagħna niltaqgħu mal-vittmi kuljum u fi żminijiet bħal dawn ġej Diċembru, ġej il-Milied, nieħdu pjaċir li nagħtu aktar sapport u naħsbu f’dawk li għaddew minn episodji koroh f’ħajjithom, anki jaraw lill-Pulizija b’mod differenti u nimlewlhom ħajjithom b’daqsxejn iktar ferħ speċjalment f’dan iż-żmien.”