Fil-Pjazza ta’ Buġibba ttellgħet attività għall-familja kollha, mill-Action for Breast Cancer Foundation – fejn mhux biss kien hemm diversi attrazzjonijiet u stands, iżda wkoll taħditiet dwar dan is-suġġett minn diversi esperti – favur aktar għarfien.
Dan ġie segwit minn mixja – li tmexxiet ukoll minn diversi persuni li qed għandhom jew għelbu l-kanċer tas-sider, u diversi personalitajiet pubbliċi, kif ukoll sessjonijiet t’eżerċizzju. Dan hekk kif, l-eżerċizzju, jgħin l-individwi sabiex jgħixu ħajja sana, u b’hekk inaqqsu r-riskju li jkollhom kanċer.
Esther Sant, li hija ċ-Chairperson ta’ din il-Fondazzjoni, spjegat kif il-fondi huma meħtieġa sabiex dawk morda bil-kanċer tas-sider, mhux biss jiġu megħjuna, iżda wkoll sabiex dan il-kanċer jinqabad fi stadju bikri.
Spjegatilna fost l-oħrajn, waħda mill-inizjattivi – dik tax-xiri tal-cold caps, li jgħinu sabiex ix-xagħar ma jaqax waqt it-trattament tal-kimoterapija.
“Meta jiġu biex jieħdu t-trattament tal-kimoterapija, jista’ jkun ma jaqalekx ix-xagħar. Hemm proċeduri ta’ kif għandhom jintlibsu forma ta’ kappun, waqt it-terapija, jintlibsu siegħa qabel u jibqgħu sa siegħa wara sabiex kemm jista’ jkun ma jaqax ix-xagħar.”