Dawk kollha li huma fil-pussess ta’ liċenzja tal-armi kienu mistiedna biex matul il-jum tal-Ħadd, jattendu għal attività organizzata mill-Kumitat Sportiv tal-Pulizija fix-Shooting Range f’Ta’ Kandja.
ONE News żar il-Kumpless tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, ftit passi ’l bogħod minn fejn kienet qed tiġi organizzata Open Day mal-Korpi Dixxiplinati, fejn kien hemm numru ta’ dilettanti b’passjoni għall-isparar li kkonkorrew għal din l-attività b’għan nobbli.
L-Ispettur tal-Ispecial Intervention Unit, Malcolm Sammut, spjegalna kif din mhix l-ewwel darba li saret din l-attività, li dejjem rat attendenza sabiħa ta’ nies li jħobbu l-armi u l-isparar.
“Din l-attività norganizzawha mhux biss min-naħa tagħna bħala Pulizija iżda għandna wkoll civilians li jaħdmu mal-Korp u qisu tliet snin ilu konna ddeċidejna li noħorġu b’din l-inizjattiva, kienu kellmuni u anki aħna bħala parti mill-kumitat sportiv, hija xi ħaġa li dejjem nippruvaw nagħmlu u nippromwovu u nkunu nistgħu niġbru flus għal għan nobbli, din id-darba għal Puttinu.”
Fil-fatt, kull min attenda l-attività, ġie mitlub jagħti donazzjoni ta’ għaxar ewro b’risq Puttinu Cares.
“Ikollna konkorrenza tajba ħafna u anki bdew jibgħatulna minn qabel fuq Facebook x’armi jistgħu jġibu, x’equipment iridu jġibu magħhom, fuq xiex ħa jisparaw, ċertu targets, u jieħdu gost iktar b’dawn l-affarijiet għax mhix xi ħaġa li dejjem jistgħu jagħmlu u għandhom opportunità jiġu hawnhekk fix-Shooting Range tagħna.”
Peress li fl-istess ħin kienet għaddejja l-Open Day mal-Forzi Dixxiplinati, kienu ħafna dawk li semgħu l-isparar u marru jistaqsu dwar l-attività, kif ukoll ittantaw xortihom fl-isparar.
“Kif smajt biha din l-attività dħalt niċċekkja mat-tifel tiegħi biex nara anki kif jaħdmu l-Pulizija, u ngħidlek il-verità, kif konna ħerġin qed nisimgħu l-isparar u nżilt fix-Shooting Range u qatt ma sparajt, għidt ħa nipprova l-ewwel darba.”
Din l-attività hija waħda minn kullana li l-Korp tal-Pulizija jorganizza b’mod regolari biex jiġbor fondi għall-karità.
Dan f’ħidma minn kumitat li nħoloq apposta fl-aħħar snin biex jippjana attivitajiet tul is-sena kollha li matulhom jinġabru fondi li jmorru għal għanijiet nobbli u jgħinu entitajiet differenti.