Matul din is-sena, l-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja qiegħda tiċċelebra bil-kbir żewġ anniversarji li jsawru parti importanti mill-istorja tagħha. Fix-xhur li għaddew kienu diversi l-attivitajiet li ġew organizzati biex ifakkru kif jixraq dawn l-avvenimenti: 100 sena mit-twaqqif tal-għaqda u 75 sena mill-ħolqien tal-banda tagħha.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet sejrin ikomplu meta l-Għaqda Mużikali Marija Assunta se itellgħa Akkademja Mużikali fejn il-Banda Marija Assunta se tesegwixxi għall-ewwel darba il-Cantata l-ġdida “Consolatrix Afflictorum” (Faraġ tal-Imnikktin) li għandha versi ta’ Dun George Mercieca waqt li l-mużika hija ta’ Hermann Farrugia Frantz.
Il-Cantata hija mqassma f’erba’ taqsimiet. Din tibda bl-Innu tal-Glorja u tkompli bil-Kurunella, Responsorju, u tintemm bit-Talba. Flimkien mal-Banda Marija Assunta, li se tkun diretta mis-Surmast Direttur tagħha, Mro Hermann Farrugia Frantz, sejrin jieħdu sehem is-sopran Claire Caruana, it-tenur Charles Vincenti, il-baritonu Alfred Camilleri u l-kor Coro Bel Canto.
L-Akkademja Mużikali se ssir nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Novembru, fis-7.30p.m., fil-Knisja Arċimatriċi u Arċipretali tal-Gudja. Waqt din l-Akkademja se tiżżanżan Bandalora ġdida u artistika biex tibqa’ tfakkar dawn l-anniversarji. Hekk kif tintemm l-Akkademja, fil-Palazz Marija Assunta ssir iċ-ċerimonja tal-inagurazzjoni tal-Arkivju Mużikali f’waħda mis-swali prinċipali tal-każin.
Kulħadd qed jiġi mistieden biex jattendi għal din l-Akkademja Mużikali u mitlub ikun f’postu fis-7.15p.m. Id-dħul se jkun bla ħlas.
Ta’ min jgħid li din l-Akkademja Mużikali se tiġi ffilmjata biex ’il quddiem tkun trasmessa fuq ix-Xandir Nazzjonali.