L-eks kandidati għall-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema tħallew lampa stampa mit-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Dan hekk kif aktar minn mitt jum wara li rtiraw il-kandidatura tagħhom wara pressjonijiet mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil biex jintefa’ block vote kontrihom, għadhom ma ġewx infurmati jekk ir-riżenja tagħhom ġietx aċċettata.
Ħabbar dan wieħed mill-kandidati fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Anton Debono, b’reazzjoni anke għall-aħħar żviluppi fil-Partit Nazzjonalista.
Żviluppi li jikxfu kemm għadha tiddomina l-firda ġewwa d-Dar Ċentrali.
Fil-fatt Debono jgħid hekk, “Tant m’aħniex importanti għall-Amministrazzjoni preżenti tal-Partit li għadhom sal-lum ma infurmawniex li r-riżenja tagħna ġiet aċċettata.”
Kien hawn fejn l-eks kandidat b’ton sarkastiku jsostni kemm Bernard Grech u l-pampaluni ta’ madwaru verament qed jaħdmu għall-għaqda fi ħdan il-Partit.
Saħansitra Debono kompla jgħid kif għal Kap attwali Bernard Grech għalih huma ma jeżistux iżjed.
“Sirna qisna nies lebrużi għall-Partit. Ma jridux jafu bina.”
Temm b’messaġġ iebes lejn l-Amminsitrazzjoni kurrenti.
“L-Amministrazzjoni kurrenti hija bħall-għasafar tal-passa, qiegħda hemm u dalwaqt jitwarrbu bħal ma huma warrbu lil ta’ qabilhom.”
Dan mhux l-ewwel każ ta’ stmerrija lejn it-tmexxija ta’ Bernard Grech tal-Partit Nazzjonalista, f’dawn l-aħħar jiem.
Propju ftit tal-jiem ilu rtirat ukoll il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni Ġenerali li jmiss, Tiffany Abela Wadge, hekk kif sostniet li l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech għalqilha ħalqha meta ppruvat titkellem fuq temi marbuta man-nisa u s-saħħa.