Attivisti li jiffurmaw parti mill-grupp favur il-klima ‘Just Stop Oil’ waqqfu l-interpretazzjoni tad-dramm ta’ Shakespear ‘The Tempest’ li kienet qed isir ilbieraħ fil-West End bil-parteċipazzjoni tal-attriċi famuża Sigourney Weaver.
Armati bi plakek li kienu jgħidu “Over 1.5 degrees is a global shipwreck”, b’riferenza għar-rapport riċenti li qal li s-sena 2024 kienet l-aktar waħda sħuna globalment u l-ewwel sena fejn it-temperatura medja qabżet il-1.5 gradi celsius aktar mill-livelli pre industrijali, huma waqqfu d-dramm wara li telgħu fuq il-palk.
Iż-żewġ dimostranti qabżu fuq il-palk tat-Tejatru Royal fi Drury Lane wara li kien sparat kanun tal-karti. Mill-ewwel ġiet eskortata l-attriċi minn fuq il-palk hekk kif l-udjenza bdiet tibbuwja għalkemm kien hemm xi wħud li ċapċpu.
Imwaqqaf fi Frar tal-2022 dan il-moviment għandu l-għan prinċipali li jnaffar il-proġetti l-ġodda taż-żejt tal-Gvern Brittaniku. Huma wkoll qed jisħqu għall-investiment fl-enerġija rinovabbli u sabiex binjiet ikunu attrezzati b’aktar insulazzjoni termali sabiex titnaqqas il-ħela tal-enerġija.
Din mhux l-ewwel azzjoni ta’ dan il-grupp hekk kif diġa kienu attakkaw diversi opri tal-arti, is-sit rinomat preistoriku Stonehenge u anke sar attentat fuq l-ajruplan ta’ Taylor Swift. Aktar kmieni dan ix-xahar, żewġ nisa kienu arrestati meta sprejjaw żebgħa fuq il-qabar ta’ Charles Darwin li jinsab f’Westminister Abbey f’Londra.