Anzjan ta’ 81 sena ndarab gravi wara li allegatament safa fil-mira ta’ attivista tal-Occupy Justice quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir.
Kien is-Sibt waranofsinhar għall-ħabta tal-15:45 faċċata tal-Qorti, wara li allegatamentseħħ argument bejn l-anzjan u anzjan ieħor ta’ 73 sena u attivista tal-Occupy Justice meta semgħetu jgħid il-kliem “ġabuh ċimiterju hawn”. Huwa kien qed jirreferi għall-fjuri u x-xemgħat li reġgħu tpoġġew mill-Occupy Justice matul il-jum biswit ir-ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-anzjan ingħata l-ewwel għajnuna li kellu bżonn minn mara li nzertat fuq il-post, kif jidher fir-ritratt li ntbagħat lil dan is-sit.
Kien f’dak il-ħin li allegatament l-attivista mbuttatu, bil-konsegwenza li l-anzjan ħabat rasu mal-art u ntilef minn sensieh.
Jidher li dak il-ħin inqalgħet kommossjoni kbira u nġiebet ambulanza li ħadet lill-anzjan l-Isptar Mater Dei.
Sorsi qrib ONE News qalu li qed isofri minn ġrieħi serji f’rasu, tant li l-ferita li ġarrab tista’ twassal għall-mewt.
L-istess sorsi qalu wkoll li filmati minn kameras fl-inħawi mistennija jistabilixxu x’ġara eżatt f’dan il-każ, filwaqt li l-Pulizija kkonfermaw li sar rapport u għaddejjin l-investigazzjonijiet.