“Hija affaxinanti kif min qatt ma fehem ix-xellug u għamel ħajtu jżebilħu issa qed jitkarrab biex jidħol f’alleanza magħna…”
Hekk beda l-kitba fuq Facebook, l-attivist tal-Moviment Graffiti, Wayne Flask.
Dan bi kritika indirizzata lejn l-eks editur tal-Lovin Malta, Christian Peregin u li llum huwa l-magħżul ta’ Bernard Grech biex jieħu ħsieb il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li l-istess Peregin ikkritika lill-Moviment Graffiti talli ma ħalliex lill-Partit Nazzjonalista jirkeb fuq il-karru tagħhom biex jikkritika l-Gvern dwar il-proġett tal-Marina f’Wied il-Għajn.
Fil-kitba tiegħu, Flask jistaqsi jekk il-Partit Nazzjonalista hux iħossu li ġie snobjat mill-membri tal-Moviment Graffiti li kif ifakkar hu stess, il-Partit Nazzjonalista kien iqishom bħala erba’ min-nies ma jinħaslux.
Huwa pproċeda billi espona l-qerq ta’ Peregin fil-mod ta’ kif ipprova jirkeb il-karru tal-Moviment Graffiti dwar il-kwistjoni tal-proġett tal-marina f’Wied il-Għajn.
Dan filwaqt li nnota kif il-Partit Nazzjonalista ma kienx konsistenti dwar dan il-proġett u bidel il-verżjoni tiegħu kull kwarta.
Wara li m’aċċettawx li jħallu l-Partit Nazzjonalista jirkeb fuq il-karru tagħhom, Peregin reħielha fuq Facebook u bil-bużżieqa tal-elitiżmu mifqugħa beda jwaħħal fil-Moviment Graffiti u jgħidilhom li huwa tort tagħhom li l-Partit Nazzjonalista mhux fil-Gvern.
Għal dan, Flask wieġeb fil-kitba tiegħu u qallu kif il-Moviment Graffiti mhux lest jarmi l-indipendenza tiegħu biex jissieħeb ma’ partit li ma jaqbel miegħu f’xejn.
Dan żgur mhux għax daħal il-Peregin fil-partit li Flask b’ton ironiku jiddeskrivih bħala l-guru strateġiku b’nuqqas kbir ta’ onestà intellettwali.