Il-Pulizija Amerikana qatlet student attivist għad-drittijiet għal persuni LGBTIQ. Dan wassal biex infetħet investigazzjoni indipendenti.
L-episodju seħħ meta xi pulizija ġew mitluba jmorru f’kampus f’Atlanta s-Sibt filgħaxija wara li rċivew telefonati jirrapportaw li kien hemm persuna li bdiet ixxejjer “sikkina u pistola” fl-arja.
Minn filmat li ħareġ, Scout Schultz, l-istudent ta’ wieħed u għoxrin sena li ma kien jidentifika la mas-sess femminili u lanqas ma’ dak maskili jidher jirrifjuta li jobdi ordnijiet tal-pulizija biex iniżżel is-sikkina fl-art. Kuntrarju ta’ dak li kien irraportat iżda l-istudent ma jidhirx li kien mgħobbi b’pistola. Huwa iżda instema jgħid lill-uffiċjali biex jisparawlu, filwaqt li kompla javvanza lejhom.
Uffiċjal li ismu għadu mhux magħruf fetaħ in-nar u qatel lil Schultz.
Omm l-istudent saqsiet għaliex ma ntużawx metodi oħrajn minflok l-pistola biex iwaqqfu l-imġieba tal-istudent.