L-attitudni tal-Oppożizzjoni hi waħda perikoluża u tmur kontra l-interess nazzjonali anke fl-industrija tal-films.
Hekk qal il-Ministeru għat-Turiżmu f’istqarrija li fiha spjega li l-aġir tal-Oppożizzjoni fuq l-inċentivi fiskali biex pajjiżna jibqa’ jattira l-investiment fl-industrija tal-films hija immirata biex toħloq kampanja ta’ misinformazzjoni li permezz tagħha mhux biss tgerrex l-investiment iżda tipperikola x-xogħol ta’ ħafna nies fl-industrija tal-films.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-cash rebate offrut lill-produtturi tal-films huwa approvat permezz ta’ Avviżi Legali u għandu l-approvazzjoni b’konformità ma’ regoli Ewropej.
Hawn il-Ministeru spejga li għalkemm din l-iskema ġiet introdotta fl-2006, din kompliet tiġi msaħħa mill-2013 ’il quddiem biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv, jinħoloq xogħol ta’ kwalità u tingħata garanzija għal dawk kollha li jaħdmu u jinvestu fl-industrija tal-films.
F’dan ir-rigward, il-Ministeru qal li grazzi għal dan il-programm, pajjiżna illum qiegħed iġib xogħol fl-industrija tal-films matul is-sena kollha.
L-istqarrija temmet tgħid li għalhekk ikun għaqli għal min qiegħed jipprova jtappan dawn l-inċentivi biex ma jagħmilx dan is-suġġett ballun politiku.