Matul dawn l-aħħar jiem reġgħu saru diversi atti vandali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.
Permezz ta’ stqarrija l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar innota kif saru ħsarat fil-latrini pubbliċi li wieħed isib fi Triq San Ġeraldu f’San Pawl il-Baħar. Dan hekk kif saru diversi graffiti u kif ukoll tkissru numru ta’ oġġetti sanitarji minn posthom.
Il-Kunsill semma wkoll kif f’inqas minn 24 siegħa minn x’ħin tweħħlu pjanti f’żoni fil-lokalità, dawn ġew maqlugħa u misruqa. Fi stqarrija l-Kunsill appella biex kull min għandu xi informazzjoni jagħmel ir-rapporti neċessarji sabiex minn wettaq dawn l-atti, jinqabad.
Il-Kunsill ikkundanna dan it-tip ta’ aġir u ġie sostnut kif it-tiswijiet neċessarji se jkunu qed isiru mill-aktar fis possibbli.
L-istqarrija temmet tgħid li hi ħasra li fondi pubbliċi se jkunu qed jintużaw biex tittieħed azzjoni wara li saru atti vandali u mhux fuq proġetti u xogħlijiet oħra fil-lokalità.