F’temp mill-isbaħ, erbat elef membru tal-iscouts u l-malta girl guides ħadu sehem fil-parata annwali.
Appuntament ta’ kull sena fil-Belt Valletta u li din is-sena ħa rotta kemxejn differenti.
Sa minn kmieni filgħodu, membri tal-gruppi tal-iscouts u l-guides nġabru fuq il-Fossos tal-Furjana li kien il-punt tat-tluq ta’ din il-parata.
Minn hemmhekk imxew għal Triq ir-Repubblika sakemm imbagħad waslu fi Pjazza San Ġorġ fejn sellmu b’salut lill-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca u baqgħu jimmarċjaw sa fejn Sant Iermu.
Rotta li kif spjegalna wieħed mill-leaders tal-iscouts, ikunu ilhom iħejju għaliha.
L-għan ewlieni ta’ din il-parata huwa li l-gruppi tal-iscouts u l-girl guides jiċċelebraw il-ħidma volontarja u l-impenn tagħhom biex il-membri fi ħdanhom jiżviluppaw f’persuni responsabbli u dixxiplinati.
Il-pubbliku preżenti, Maltin u turisti lkoll segwew b’entużjażmu u attenzjoni din il-parata. Ma naqsux milli jiggustaw liċ-ċkejknin li wkoll kienu qed jimmarċjaw.
Fuq kollox, avveniment bħal dan huwa xhieda tar-relevanza li dawn il-gruppi volontarji għad għandhom fil-ħajja tal-lum.