Il-Pulizija qed tappella għall-attenzjoni hekk kif qed jidħlu bosta rapporti minn klijenti Maltin dwar mewġa ta’ messaġġi ta’ qerq.
Fost l-aktar riċenti hemm messaġġi li qed jitolbu lin-nies jidħlu f’link biex jaċċessaw il-paġna tal-bank tagħhom biex, jew jikkonfermaw id-dettalji tal-kont jew inkella xi tranżazzjoni li setgħet saret.
L-Ispettur Timothy Zammit, mit-Taqsima tas-Cyber Crime tal-Pulizija, spjega ma’ ONE News li dawn mhumiex links ġenwini imma kkontrollati minn frodisti u kriminali.
Huwa spjega: “Meta persuna qed jikklikkja fuq dan il-link, qiegħed jidħol fuq paġna li għalkemm tidher li hija bħal tal-bank, fil-verità hija paġna li hija kkontrollata mill-kriminal u allura l-informazzjoni li wieħed idaħħal hemmhekk, bħal pereżempju passwords jew kodiċi ta’ konferma ta’ tranżazzjoni, dik hija informazzjoni li qed tiġi mgħoddija lill-kriminal u mhux lill-bank.”
Fl-aħħar jiem ukoll bdew jidħlu messaġġi qarrieqa lil dawk li jużaw l-applikazzjoni tal-WhatsApp, li qed jiġu mitluba jipprovdu kodiċi ta’ sigurtà tal-account tagħhom.
L-Ispettur Zammit kompla jispjega: “Meta persuna jkun qed jagħti dan il-kodiċi ta’ aċċess, effettivament ikun qed jagħti l-password, iċ-ċavetta, għall-kont tiegħu, u allura jkun qed jippermetti lill-persuna li għandha dan il-kodiċi t’aċċess biex jieħu over l-account tiegħu, biex jibda juża l-account tiegħu fuq il-WhatsApp, fuq il-mezzi soċjali, minfloku.”
L-Ispettur spjega kif ħafna drabi, dawn il-messaġġi qarrieqa joriġinaw minn pajjiżi barra mill-Ewropa u allura l-Pulizija Maltija tiddependi ħafna fuq il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi fl-investigazzjonijiet tagħha.
Huwa sostna: “Ix-xogħol tas-Cyber Crime Unit huwa primarjament li aħna nagħmlu l-istħarriġ tekniku, li nippreservaw l-informazzjoni, li nikkorrispondu mal-entitajiet u mas-service providers affettwati sabiex niġbru dik l-evidenza u informazzjoni li tippermettilna biex nidentifikaw lin-nies li jkun hemm wara dawn l-iscams qarrieqa.”
L-Ispettur appella biex jekk hemm xi ħadd li waqa’ għal dawn il-messaġġi qarrieqa, jinforma lill-bank jew lil WhatsApp immedjatament.
Jista’ jsir ukoll rapport lill-Pulizija, li min-naħa tagħha tagħmel l-investigazzjonijiet tekniċi.
L-Ispettur Zammit temm jappella: “Il-frodist jirnexxielu f’każijiet bħal dawn minħabba l-għaġla tagħna. F’każijiet bħal dawn meta aħna nirċievu messaġġ suspettuż, meta nirċievu messaġġ mhux tas-soltu, qabel nirrispondu dak il-messaġġ ejja nieqfu, ngħoddu sat-tlieta, naħsbu fuq dak il-messaġġ imbagħad jekk inħossuna komdi nagħtu dik l-informazzjoni, ngħadduha.”