L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) tixtieq tavża lill-pubbliku dwar entità li qegħda topera taħt l-isem My Advertising Pays, li hu magħruf li għandha preżenza fuq l-Internet fuq www.myadvertisingpays.com.
Minn informazzjoni disponibbli għand l-MFSA, My Advertising Pays jidher li qed toffri aċċess għal opportunità ta’ investiment fir-reklamar permezz ta’ sistema ‘pay-per-click’. L-Awtorità hi infurmata li din l-entità qed tirreklama l-attivitajiet tagħha f’Malta u li għamlet kuntatt mal-pubbliku sabiex jinvestu magħha.
L-MFSA tixtieq twissi lill-pubbliku li My Advertising Pays mhix liċenzjata jew awtorizzata mill-MFSA biex tipprovdi xi tip ta’ servizzi finanzjarji f’Malta. Aktar minn hekk, informazzjoni disponibbli għand l-MFSA tissuġġerixxi li My Advertising Pays aktarx li hija skema ta’ natura dubjuża b’ċans kbir li jintilfu l-flus investiti. Għalhekk, il-pubbliku m’għandux jidħol f’negozju jew transazzjonijiet mal-entità msemija hawn fuq.
L-MFSA tappella lill-pubbliku u konsumaturi tas-servizzi finanzjarji biex qabel ma jagħmlu kwanlunkwe investiment jew jidħlu f’kwalunkwe transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji jaċċertaw lilhom infushom li l-entità li magħha qed isir l-investiment jew it-transazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji kif applikabbli.
Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA hija disponibbli mingħand l-MFSA.