L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji qed teżamina attivitajiet ta’ skambju ta’ flus li qed isiru minn entitajiet li jistgħu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel mill-MFSA. Dawn it-tip ta’ skambji qed isiru l-aktar f’postijiet turistiċi, u jinkludu ħwienet tal-bejgħ bl-imnut li jaċċettaw ħlasijiet f’muniti barranin għal skambju fiżiku ta’ munita barranija.
Din hija tip ta’ attività liċenzjata li taqa’ taħt l-Att dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji, u għalhekk attivitajiet mhux awtorizzati taħt jistgħu jitqiesu bħala reat kriminali u soġġetti għal azzjoni kriminali.
Fi stqarrija, l-Awtorità saħqet li attività mhux regolata ġġib magħha għadd ta’ riskji għall-konsumaturi, li jvarjaw mill-potenzjal ta’ ħasil tal-flus sa rati mhux uffiċjali li jintużaw għad-detriment tal-konsumaturi.
Kull min ikun xhieda ta’ attività bħal din huwa mħeġġeġ iġib dan għall-attenzjoni tal-awtoritajiet rilevanti.
L-MFSA fakkret lill-konsumaturi biex ma jidħlu f’ebda tranżazzjoni ta’ servizzi finanzjarji sakemm ma jkunux aċċertaw li l-entità li magħha qed issir it-tranżazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi tali servizzi mill-MFSA jew regolatur ieħor rikonoxxut tas-servizzi finanzjarji.
Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA tista’ tara fuq il-websajt uffiċjali tal-Awtorità billi tagħfas hawn.