Kemm-il darba smajna b’każi ta’ persuni li jirċievu telefonati mingħand taparsi ħaddiema tal-Windows biex isolvulna l-problemi. Fis-servizz li jmiss se nisimgħu xi siltiet minn telefonata ta’ dan it-tip, u l-Ispettur Timothy Zammit mis-Cyber Crime Unit jispjegalna d-dinamika ta’ dak li jiġri.
Iċempillek, u jgħidlek li bil-problemi li għandek fil-kompjuter, dan se jieqaf jaħdimlek. It-telefonata tibda xi ħaġa hekk.
“Well sir this is Mike and I’m calling you from Windows Technical Department about your computer , OK? And the reason I am giving you this call today is because we are receiving some critical errors and warning messages from your computer, while you are using the internet, OK?”
Minn hawn jispjegalek li l-problemi huma serji, u li se jgħinek. Saħansitra jserraħlek rasek li se jkun hu li jtik id-dettalji tas-sistema tiegħek.
“I will help you to find the computer licence ID number and you don’t have to tell you your computer license ID number. I will tell you your computer licence ID number and you can match it down, OK?”
Minn hawn idaħħlek f’settings tal-kompjuter tiegħek, sakemm fl-aħħar itik kowd twil, li f’dak il-punt ikun ikkonvinċiek li hu tal-liċenzja unika tal-kompjuter tiegħek.
Però l-Ispettur tal-Pulizija Timothy Zammit mis-Cyber Crime Unit, jispjega li hu mod ieħor.
“Dak il-kodiċi huwa komuni għall-kompjuters kollha. U allura meta hu qed jgħidlek li qed jipprova jippruvalek li inti għandek il-ħsara u li inti l-kompjuter li fih hemm il-ħsara huwa l-kompjuter tiegħek, il-kodiċi li qed jurik biex jipprova dan, fil-verita hu kodiċi li hu komuni fil-kompjuters kollha.”
Minn hawn, wara li jkun kiseb il-fiduċja tiegħek, il-frodist jidderiġik għal sit tal-internet, li meta ttih id-dettalji fuq l-iscreen, tkun qed tagħtih ukoll aċċess għall-kompjuter tiegħek – remote access.
“Hemmhekk għandu aċċess għal dokumenti jew inkella jista’ jħaddem il-kompjuter tiegħek, ibiddillu settings, jinstalla programmi jew inkella jużah daqs li kieku qiegħed quddiem il-kompjuter tieghek.”
U wara li tkun issewwiet il-ħsara li fil-verita qatt ma kienet teżisti, jidderiġik biex tagħmel pagament tax-xogħol li wettaq.
“Ġaladarba tidħol fl-internet banking u tkun tat aċċess għall-kompjuter tagħha, il-persuna fuq in-naħa l-oħra jista’ jħaddem il-kontijiet, jagħmel trasferimenti mill-kontijiet, daqs li kieku hu bilqiegħda hu quddiem il-kompjuter tieghek.”
Hawnhekk il-frodist jagħmel l-almu tiegħu biex inixxiflek il-kont tal-bank.
Bla dubju, meta l-frodist tagħna ġie kkonfrontat wara diversi minuti jipprova jikkonvinċina, ma ħax pjaċir.
“You are a very f*****g a*****e, you know. You very f*****g a*****e because you are a b*****d you know…b*****d you know. You’re wasting your time and you waste my time.”
L-Ispettur spjega li dawn it-telefonati ħafna drabi joriġinaw minn barra l-Ewropa, u jintuża programm biex fuq l-ID caller, it-telefonata tidher li ġejja minn post li mhux verament minn fejn qed iċemplu. Saħansitra jista’ jindika li t-telefonata ġejja minn Malta.
L-Ispettur appella biex ma nafdawx dawn it-telefonati, u jekk ikollna dubju dwar ħsara fil-kompjuter tagħna, noħduh għand tekniku professjonist tal-fiduċja tagħna.