Kompliet il-kumpilazzjoni b’rabta mal-allegat attentat ta’ qtil ta’ Ingliż ta’ 21 sena f’Tigné Point f’Awwissu tal-2021 minn Libjan ta’ 38 sena.
Il-Maġistrat Doreen Clarke semgħet ħbieb tal-vittma li kienu preżenti waqt l-attentat ta’ qtil.
Wieħed mix-xhieda, Matteo Occhialini qal li kien mar, flimkien ma’ sħabu, id-dar ta’ Hisham f’Tas-Sliema u mbagħad il-bajja ta’ Tigné, fejn bdew jixorbu.
Wara ftit sigħat, il-ħabib Żvediż ta’ Occhialini tilef il-mobile u beda jfittex fil-basket tal-akkużat.
Il-mobile ma nstabx fil-basket ta’ Hisham u x-xhud talbu skuża talli imbuttah.
Irrakkonta kif ftit minuti wara l-akkużat tela’ d-dar għand il-vittma u qabdu jiġġieldu.
L-akkużat ħareġ is-sikkina u ta’ daqqa ta’ sikkina ta’ kważi erba’ pulzieri lill-Ingliż f’dahru, fil-ġenb u ħdejn griżmejh.
Fil-Qorti ntqal li l-vittma u l-akkużat tlewwmu fuq droga kokaina li kellha tinxtara.