“Min qed ipinġi dan il-ftehim bħala s-soluzzjoni tal-immigrazzjoni se jkollu jwieġeb liċ-ċittadini Ewropej u Maltin ftit tax-xhur oħra meta r-realtà tkun differenti.”
Kien b’dan il-mod li l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, irreaġixxa għall-ftehim tal-Unjoni Ewropea biex tiġi riformata l-politika tal-blokk dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, u li fuq quddiem nett kien imbottat, fost oħrajn, minn Roberta Metsola.
Ftehim b’ħames regolamenti separati li jindirizzaw kif l-istati membri jridu jipproċessaw u jipproteġu l-immigranti, fost oħrajn.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru Camilleri tenna li l-ftehim milħuq l-Erbgħa bejn il-Presidenza u l-Parlament Ewropew dwar il-patt tal-ażil hu attentat ta’ kompromess bejn min ilu jsofri minn din il-problema u min m’għandux interess li jassisti b’mod tanġibbli, primarjament b’rilokazzjonijiet.
Dan filwaqt li sostna wkoll li Malta ma stennietx dan il-Patt biex introduċiet politika aktar ġusta tal-immigrazzjoni kemm ma’ dawk li ħaqqhom l-għajnuna, iżda wkoll ma’ dawk li jabbużaw mis-sistema.
“Malta ma qgħaditx tistenna dan il-patt biex tara li jkun hemm politika ta’ immigrazzjoni aktar ġusta. Ġusta ma’ min ħaqqu li għandu jingħata d-drittijiet kollha, però ġusta u iebsa ma’ dawk li jabbużaw mis-sistema. Tant hu hekk li fl-aħħar sena kellna rekord ta’ persuni ta’ persentaġġ meta jqabbel mal-wasliet, ma’ dawk li jmorru lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom meta ma jkunux kwalifikaw għall-ażil.”
Byron Camilleri – Ministru
Il-Ministru rrimarka wkoll li, filwaqt li l-patt maqbul saħħaħ is-solidarjetà bejn il-pajjiżi, hemm diversi istanzi fejn se jiżdied il-piż fuq pajjiżi li jinsabu fuq fruntiera, inkluża Malta.
Għaldaqstant, il-patt la joffri bilanċ bejn responsabbiltà u solidarjetà u lanqas ħa jagħti serħan il-moħħ li l-bżonnijiet tal-istati membri tal-fruntiera ħa jkunu indirizzati b’mod sħiħ, tenna l-Ministru Camilleri.
“Fl-opinjoni ta’ Malta dan il-patt mhuwiex xi bakketta maġika li ħa jsolvi l-problema tal-immigrazzjoni irregolari jew l-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari, speċjalment fir-rotot taċ-ċentru tal-Mediterran. U naħseb ikun qed jidħak bin-nies min jipprova jpinġi dan il-ftehim bħala xi bakketta maġika li ħa twassal biex din l-isfida tiġi eliminata jew titnaqqas b’mod drastiku.”
Byron Camilleri – Ministru