Jekk tirċievi messaġġ fuq il-mobile bil-Malti li jgħidlek li għandek il-kont tal-Bank of Valletta magħluq temporarjament, injorah.
Dan għaliex mhu xejn ħlief messaġġ qarrieqi mibgħut minn persuni mhux magħrufa biex jieħdu l-informazzjoni mill-kont bankarju tiegħek u finalment jisirqulek il-flus.
Sfortunatament xi persuni waqgħu għal din in-nassa, b’konsegwenza li ġew misruqa eluf ta’ ewro.
Il-BOV qal illi l-bank qatt ma jitlob għall-informazzjoni personali permezz ta’ messaġġi, email jew mill-midja soċjali.
Intant, l-istess appell qed isir ukoll mill-Maltapost hekk kif xi persuni qed jirċievu emails bil-Malti li jidhru li huma mibgħuta mill-kont tal-Customer Care tal-MaltaPost stess.
Fl-email jingħad li l-pakkett li jkun ordna l-persuna ma setax jitwassal u għalhekk l-email tgħid biex il-persuna tagħfas fuq ħolqa li twassal għal sit li huwa simili tal-MaltaPost.
Meta persuna jidħol fil-ħolqa jkun mitlub ukoll idaħħal id-dettalji personali.
MaltaPost tinforma lil kull min irċieva din it-tip ta’ email biex jinjoraha għaliex hija email malizzjuża, filwaqt li saħqet illi jekk kien hemm persuni li taw xi dettalji, jikuntattjaw lil bank minnufih.