Figuri uffiċjali juru li f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar, s’issa kien hemm attendenza medja li laħqet l-94% tal-kapaċità tal-istadium, għal kull logħba. Dan hekk kif inbiegħu tliet miljun biljett u sar magħruf li l-udjenzi quddiem it-televixin madwar id-dinja, qabżu l-aħħar edizzjoni.
L-akbar attendenza ġiet reġistrata l-Ħamis 24 ta’ Novembru fil-Lusail Stadium, għal-logħba bejn il-Brażil u s-Serbja. Preżenti kien hemm 88,103 spettaturi. Fl-istess ħin fil-FIFA Fan Festival fl-Al Bidda Park ta’ Doha kien hemm 98,000 partitarju, imxerrda matul il-ġurnata.
Fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet, il-FIFA iċċarrat kemm jifilħu nies it-tmien stadiums uffiċjali ta’ din l-edizzjoni u li huma skont il-ħtiġijiet mitluba mill-istess FIFA.
Il-FIFA talbet li fejn jintlagħbu l-logħba tal-ftuħ, is-semifinali u l-finali ikunu jesgħu bejn 60 u 80 elf spettatur. Fil-fatt, il-Lusail Stadium li fih se tintlagħab il-finali jesa’ 88,966 u l-Al Bayt Stadium jesa’ 68,895. Fl-istadiums l-oħra il-kapaċità hija ta’ madwar 40 elf spettatur.
Ritratt: stadiumguide.com