Bosta familji u żgħażagħ attendew għal attivitajiet organizzati fil-ġnien il-ġdid ta’ fuq il-Glażiż fil-Birgu, fil-ġimgħa li ġie inawgurat b’faċilitajiet moderni għal mumenti ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha, u anki park għall-klieb.
Din l-open day ġiet organizzata mill-WasteServ u Project Green, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent u l-kunsill lokali tal-Birgu.
Dawk li attendew għall-attivitajiet tas-Sibt gawdew minn logħob tradizzjonali Malti u sessjonijiet ta’ potting f’ambjent divertenti.
Kien hemm ukoll logħob u kompetizzjonijiet organizzati mill-1st Cospicua Scout Group.
Spikkaw mat-tfal it-tliet maskots tal-WasteServ.
Dan il-ġnien ġie inawgurat aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Prim Ministru Robert Abela, u jagħmel parti mill-fortifikazzjoni ta’ Santa Margeriti.
Il-periti ħadmu disinn li jirrispetta l-karattru tal-post u passaġġi li jduru mas-siġar eżistenti.
Intuża wkoll materjal naturali u riċiklat għat-tagħmir fil-ġnien, filwaqt li d-dawl użat jagħmel użu mill-enerġija solari.