Għal sena oħra, eluf ta’ persuni attendew għall-edizzjoni tal-Karnival tas-Sajf, organizzat minn Festivals Malta, wara nuqqas ta’ tliet snin minħabba l-pandemija.
Din l-edizzjoni, bis-sehem ta’ ħdax-il karru, kienet mifruxa fuq tliet lokalitajiet – Birżebbuġa, San Pawl il-Baħar u Marsaskala – bil-kollaborazzjoni tal-kunsilli lokali rispettivi.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li l-Karnival tas-Sajf hu opportunità oħra biex jiġi esebit it-talent kbir li għandhom l-artisti Maltin.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li wara nuqqas ta’ tliet snin, il-Karnival tas-Sajf ra attendenza numeruża ta’ Maltin u turisti.
Elenka kif it-turisti preżenti wrew interess lejn dak li pprovdejna matul l-aħħar jiem, tant li kienu bosta li staqsew dwar il-Karnival li jsir f’Malta fil-ġranet xitwin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, ukoll tenna s-sodisfazzjon għall-ispettaklu artistiku mill-aqwa li l-aġenzija setgħet toffri.
Sadanittant tħabbar li l-Karnival ta’ Malta 2024 se jseħħ bejn id-9 u t-13 ta’ Frar li ġej.