L-iSportMalta Charity Marathon u nofs Maratonase tilqa’l fuq minn ħames mitt atleta li jirrappreżentaw għoxrin pajjiż nhar il-Ħadd li ġej.
Il-Maratona hija skedata li tibda minn ħdejn l-Imdina fir-Rabat fis-06.30 ta’ filgħodu, filwaqt li n-Nofs Maratona tibda fis-7 ta’ filgħodu mill-Imtarfa. Iż-żewġ tlielaq ser jispiċċaw ix-Xatt Tas-Sliema.
Fil-Maratona l-Kbira, fost l-atleti parteċipanti lokali jinsab wieħed mill-ambaxxaturi tat-tellieqa Andrew Grech. Grech se jkun qed jiġri s-seba’ Maratona tiegħu f’Malta. Grech ipproduċa l-aqwa ħin tiegħu fil-Maratona fl-2017 meta għamel ħin ta’ 2:28.16. Atleta ieħor Malti li mistenni joffri sfida tajba lil Grech, hu Alan Camilleri, li dan l-aħħar qed ikollu riżultati tajbin. Reċentament hu kiseb ħin ta’ sagħtejn u 35 minuta fil-Maratona ta’ Valencia. Ismijiet notevoli li ser jingħaqdu magħhom huma l-aħwa Galea – David u Johan, kif ukoll Christopher Fenech.
It-Taljan Antonio Grotto, ta’ 71 sena ser jkun qed jikkompeti fid-998 maratona tieghu. Din hija t-tieni darba li Grotto se tiġri f’Malta. Fl-2016 ġera t-800 maratona tiegħu f’Malta.
In-Nofs Maratona tidher li se tkun kompetizzjoni missielta b’mod tajjeb b’uħud mill-aktar atleti magħrufa mniżżlin fil-lista. Dillon Cassar, li bħal issa għandu r-rekord nazzjonali tan-Nofs Maratona, huwa wieħed mill-favoriti iżda jrid jiffaċċja kompetizzjoni mit-tlett atleti għawdxin Charlton Debono, Stephen Azzopardi u Matthew Xuereb, kif ukoll atleti oħra bħal Christopher Micallef u Matthew Borg.
Ir-rebbieħa ta żewġ medalji tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa u ambaxxatriċi tat-tellieqa Lisa Bezzina hija waħda mill-favoriti femminili tat-tiġrija. Bezzina li riċentement ġriet l-ewwel Maratona tagħha f’Valencia u rreġistrat it-tielet l-aħjar ħin għal kull atleta femminili Maltija, għandha wkoll ir-rekord nazzjonali tan-nofs maratona ta’ siegħa 17-il minuta u seba’ sekondi. Bezzina żgur li se tkun qed tissielet għar-rebħa għalkemm possibilment ser tiffaċċja sfida tajba minn Roberta Schembri.
“L-għan tal-iSportMalta Charity Marathon hija li tipprovdi opportunita għall-atleti li qattgħu xhur jitħarrġu għal dan l-avveniment. Il-bidliet li saru fir-rotta jqisu l-bidliet infrastrutturali li saru fuq ir-rotta preċedenti iżda aktar importanti saru biex jiġi żgurat li l-atleti jkollhom tellieqa sigura” spjega Mark Cutajar, CEO, SportMalta. “L-aħħar tliet ġimgħat kienu mmarkati b’attività intensa mid-diversi entitajiet involuti fil-proġett. Ninsab kunfidenti li l-kompetenza li nqgħaqdet għal din it-tellieqa se tipprovdi esperjenza ta’ razza pożittiva ħafna għal parteċipanti kollha”.
Ir-Rotta ġiet mkejjla minn uffiċjal maħtur minn Athletics Malta u ssegwi l-linji gwida kollha meħtieġa biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent ta’ kull rekord stabbilit.
L-iSportMalta Charity Marathon qed tiġi organizzata b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta u taħt l-awspiċji ta’ Athletics Malta. Id-dħul kollu mit-Tiġrija se jingħata lill-Malta Community Chest Fund. L-organizzaturi jappellaw lill-pubbliku biex isegwi d-devjazzjonijiet tat-traffiku u biex jappoġġjaw lill-atleti tul ir-rotta.