L-istqarrijiet tal-kelliema tal-Partit Nazzjonalista dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi huma biss maħsuba biex ikomplu b’attakki personali bbażati fuq fatti mgħawġa kif ippreżentati mill-istess kelliema tal-PN.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-fatti mgħawġa żdiedu wara d-disprament politiku li qabadha l-Oppożizzjoni, minħabba l-Budget pożittiv li reġa’ ippreżenta l-Gvern.
Id-dikjarazzjonijiet tal-assi preżentanti mill-membri tal-Kabinett huma skont dak li hu mitlub minnhom u dak li huma obbligati jressqu.
Fuq kollox l-ikbar xhieda ta’ kemm dan huwa attakk tal-estremisti tal-Partit Nazzjonalista, huwa l-attakk fuq żewġ membri tal-Kabinett sempliċiment għaliex jikru r-residenza fejn jgħixu. Din hija attitudni sintomatika ta’ Partit Nazzjonalista li qed jibqa’ jibni l-politika tiegħu fuq il-preġudizzju u l-attakki personali.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li l-Oppożizzjoni baqgħet Partit li jimmonta kampanji ta’ attakki personali, sempliċiment fuq l-għażla personali leġittima li wieħed jagħmel għalih u għall-familja tiegħu.
Sakemm il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jikkundannax dan l-aġir ikun qed juri li komdu bih, jew saħansitra, jikkonferma li m’għandu ebda kontroll tal-Partit li suppost imexxi.