Il-Correctional Officers Union (COU), ikkundannat l-atti li fl-aħħar jiem saru fil-konfront ta’ uffiċjali tal-ħabs, fosthom il-vandaliżmu li sar fuq residenza privata ta’ wieħed minn dawn l-uffiċjali.
Il-COU, fi stqarrija qalet li filwaqt li tapprezza l-interess li ntwera mill-awtoritajiet tal-ħabs f’dan il-każ, b’mod speċjali mid-Direttur tal-Ħabs Pawlu Debattista li b’mod immedjat offra l-għajnuna kollha meħtieġa, l-union saħqet li għandu jsir dak kollu possibbli biex ikunu protetti l-uffiċjali tal-ħabs.
L-istqarrija tispjega li din ma kinitx l-ewwel darba li uffiċjali tal-ħabs spiċċaw vittmi ta’ azzjonijiet simili fil-konfront tagħhom għax iwettqu d-dmirijiet tagħhom bħala uffiċjali pubbliċi. Ic-COU temmet tgħid li dawn l-atti mhumiex aċċettabli u li l-awtoritajiet għandhom jaraw li jkun hawn pieni aktar ħorox kontra dawk li jinstabu ħatja ta’ dawn l-atti.