L-attakki mill-Oppożizzjoni u minn Simon Busuttil fuq il-Korp u fuq il-Kummissarju tal-Pulizija issa laħqu l-qiegħ u qegħdin isiru distruttivi u vendikattivi, b’attakki personali ta’ kuljum fuq is-Sur Lawrence Cutajar bil-għan li jippruvaw ikissru lill-persuna kif ukoll lill-ħidma li qed titwettaq.
Dan qalu l-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali fi stqarrija.
Intqal li b’fake news sfaċċata oħra, fuq il-faċċata tal-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista, il-Mument, f’attentat iddisprat l-Oppożizzjoni ppruvat toħloq firda u tkisser ir-relazzjoni bejn il-Kummissarju u s-CEO Angelo Gafà li qed jaħdmu flimkien għall-immodernizzar tal-Korp.
L-istqarrija tgħid: “Nassiguraw lil Simon Busuttil u lill-Oppożizzjoni li filwaqt li huma se jkomplu b’politika ta’ mibegħda, ta’ firda u ta’ vendikazzjonijiet, il-Gvern se jkompli b’politika pożittiva li tara l-kisba tar-riżultati.
Ħasra li Simon Busuttil jibqa’ jirrikorri għal tattiċi u għal attitudni ta’ diviżjoni li meta jkun dahru mal-ħajt mingħajr argumenti jdur għal stejjer ivvintati u għal attakki diretti lejn l-individwi – strateġija ta’ politika perikoluża li qed tpoġġi lil Simon Busuttil bħala theddida għad-demokrazija f’pajjiżna.”