11:00: Is-suspettat wara l-attakk ta’ Berlin inqatel wara għadd ta’ sparar ta’ tiri bejnu u bejn il-Pulizija f’Milan fl-Italja, sorsi qrib is-sigurtà tal-Italja qed jgħidu.
Rapporti inizjali qalu li l-Pulizija tad-Danimarka lemħu raġel li jaqbel mad-deskrizzjoni tas-suspettat fid-Danimarka.
Rapporti fuq siti tal-aħbarijiet tal-Italja qed jirraportaw li raġel inqatel mill-Pulizija wara li ġew sparati diversi tiri miż-żewġ naħat. L-isparatura seħħet qrib stazzjon tal-ferrovija f’Milan wara li r-raġel ġie mwaqqaf mill-Pulizija kmieni dalgħodu.
Qed jiġi allegat li r-raġel ħareġ pistola ftit wara li ġie mistoqsi biex juri l-karta tal-identità tiegħu. Hu spara u laqat Pulizija.
L-istess raġel, li allegatament kellu biljett għall-ferrovija minn Franza fil-but tiegħu, għajjat “Allahu Akbar”, waqt l-isparatura.
Aktar Qabel: Raġel b’deskrizzjoni li taqbel ma’ dik tas-suspettat tal-attakk f’Berlin, intlemaħ fid-Danimarka.
Anis Amri, ta’ 24 sena mit-Tuneżija, għadu ma nstabx wara li ħejja u wettaq l-attakk it-Tnejn li għadda f’Berlin. Attakk li ħalla 12-il persuna mejta u 48 midruba.
Il-Pulizija tad-Danimarka qalu li raġel bl-istess deskrizzjoni ta’ Amri intlemaħ f’Aalborg, 450 mil ’il bogħod mill-kapital tal-Ġermanja.