L-Iżrael attakkat numru kbir ta’ żoni Iranjani fis-Sirja bħala risposta għall-attakk tal-Iran fuq Iżrael li sar kmieni dalgħodu.
Dalgħodu l-Iran sparat madwar għoxrin missila fuq pożizzjonijiet okkupati mill-Iżrael f’Golan.
Skont dak rappurtat f’midja internazzjonali, il-militari Iżraeljana sostniet li l-missili ġew irrilaxxati mill-Gwardja Revoluzzjonarja tal-Iran kmieni l-Ħamis filgħodu. Dan waqt li xi wħud ġew interċettati u ma ħallew ebda persuni midruba.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Iżrael qalet li nnutat movimenti mhux tas-soltu mill-forzi Iranjani fir-reġjun.
Għal din ir-raġuni talbet lit-truppi tagħha jieħdu l-pożizzjoni tagħhom f’Golan, filwaqt li talbet lin-nies ċivili jfittxu xelter.
Il-Forzi tad-Difiża Iżraeljana qalu li dan kien każ ta’ min jinkwieta fuqu u li qed iżommu lilhom innifishom prepati għal għadd kbir ta’ xenarji.
Minkejja li tnax-il missila ġew interċettati, is-sitta l-oħra rnexxielhom jolqtu ż-żoni li kienu direzzjonati lejhom, li jinkludu pożizzjonijiet tad-difiża tal-ajru u maħżen tal-armamenti.