F’belt fit-Tramuntana tas-Sirja ntefgħu minn ħelikopter kontenituri suspettati li kellhom fihom gass tal-klorin. 33 persuna kienu affettwati minn dan l-attakk li seħħ f’Saraqeb fil-provinċja ta’ Idlib. S’issa għadu mhux ċar min kien il-moħħ wara dan l-attakk.
Iż-żewġ naħat tal-gwerra ċivili fis-Sirja ġew akkużati u ċaħdu li użaw aġenti kimiċi. Dan l-attakk seħħ wara li t-Tnejn, ħelikopter tal-militar Russu twaqqa’ fis-Sirja u b’konsegwenza t’ hekk mietu l-ħames persuni li kienu fuqu. Dan jimmarka l-iktar inċident fatali għal militar Russu minn mindu beda l-kampanja mill-ajru f’Settembru li għadda.