Ingliż ta’ 59 sena li ilu jgħix Malta diversi snin allega mat-Times of Malta li safa attakkat minn ‘parker’ ta’ parkeġġ fil-Qawra. Dan wara li l-Ingliż irrifjuta li jħallas tal-parkeġġ, fid-dawl li l-parkeġġ huwa b’xejn, tant li dwar dan hemm tabelli minn Transport Malta.
Mitch Farrow kien ikkwotat jgħid: “Meta jien u marti ħriġna mill-karozza talabna l-flus. Jiena għidt: le, dan mingħajr ħlas, dejjem hekk kien. Iżda, insista u qlajt daqqa ta’ ponn f’wiċċi.”
L-Ingliż kompla jgħid li dak il-ħin spiċċa jaqla’ d-daqqiet ta’ sieq mal-art. “Għaliex? Għal ftit ċenteżmi? Li lanqas jien obbigat inħallas,” kompla jgħid filwaqt li kkonferma li dwar il-każ għamel rapport mal-pulizija. Fil-fatt il-pulizija kkonfermaw li qed jinvestigaw il-każ.
Farrow, li qal li llum m’għadux li kien u għalhekk ma setax jaħrab kif ġieb u laħaq, sostna li kellu jkun l-intervent ta’ persuna oħra biex ħarab minn fuq il-post.