Sena u nofs ilu, din it-tfajla serqet il-qlub tas-segwaċi ta’ ONE News wara li tkellmet magħna dwar kif iġġieldet il-battalja kontra l-kanċer għal ħames snin sħaħ minkejja li għandha biss 22 sena. Martina Fenech baqgħet imsemmija għall-qlubija tagħha u l-pożittività li dejjem għexet biha minkejja l-mewġa li ħakmitha.
Issa, fix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider, Martina stqarret li eżami mediku li sar fuqha ftit taż-żmien ilu, reġa’ kellu riżultat negattiv għat-tfajla.
“Hemm ċans kbir li jaqbadni l-kanċer fis-sider, imma għall-grazzja t’Alla dan l-eżami tani ċ-ċans ta’ prevenzjoni. Għadni kif qomt minn operazzjoni maġġuri fejn neħħejt sidri kollu”.
Omm Martina tilfet il-battalja mal-kanċer tas-sider lejlet l-ewwel tas-sena fl-2012.
F’messaġġ fuq Facebook, Martina għamlet kuraġġ lil dawk kollha li huma f’riskju ta’ dan it-tip ta’ kanċer minħabba raġunijiet ġenetiċi. Biex tikkwota t-tema ta’ Pink October ta’ din is-sena, Martina qed tgħid “Face Your Fear”.
“Bħal ma qalet Angelina Jolie, ma nħossnix inqas ‘mara’, inħossni b’saħħti, inħoss li għamilt deċiżjoni tajba li ma timminax il-femmininità tiegħi”.
“Fl-aħħar mill-aħħar, iva, importanti li ssalva sidrek, imma huwa iktar importanti li ssalva ħajtek”, qalet it-tfajla.
Ikkuntattjatha minn one.com.mt, Martina qalet li ġieli ħassitha inqas minn nisa oħra tal-età tagħha, iżda tħossha xxurtjatha li kellha ċ-ċans tagħmel dan l-eżami. “Jiddispjaċini biss li ommi ma laħqitx għamlitu qabel, għaliex kieku konna ngħixu differenti. Iżda dak kellu jkun id-destin. Inħossni onorata li Malta għandha dawn il-faċilitajiet li jistgħu isalvawna. Jien qed neħodha bħala li jien attakkajt il-kanċer tas-sider qabel attakkani hu”.