Dunstan Caruana, li jsellef il-flus fuq l-idejn, ittella’ l-qorti akkużat li hedded ripetutament u attakka raġel li kellu jagħtih il-flus lura b’ interessi għolja. Fix-xhieda tiegħu, il-vittma li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-qorti, spjega kif lura f’ Jannar 2013 issellef €15,000 minn Joseph Manicaro, magħruf bħala Zuzu, liema self kien trasferit għand Caruana li mal-ewwel talab li jitħallas lura s-somma ta’ €30,000, iġifieri d-doppju.
Il-vittma iffirma kuntratt quddiem nutar fejn wiegħed li jħallas ħamsa fil-mija lura kull xahar. Iżda hekk kif il-vittma kompla jissellef iktar flus, ir-rati ta’ interess li talab lura Caruana baqgħu jitilgħu. Il-vittma stqarr li l-pagamenti kull xahar bdew jammontaw għal madwar elf u mitejn ewro u li Caruana beda jhedded lilu u lil familtu barra dahru jew il-post tax-xogħol meta jaqbeż pagament u saħansitra f’ diversi okkazzjonijiet qabad itih.
L-aħħar darba li Caruana allegatament attakkah kien f’ Ġunju li għadda meta l-akkużat sar jaf li mar għand il-pulizija. Kien hawnhekk li Caruana tah daqqa ta’ ponn f’ wiċċu u kissirlu d-dwal tal-faċċata b’ stikka tal-billiard fejn kellhom ikunu l-ġirien li intervjenew biex iwaqqfuh.