Il-Pulizija Torka arrestat is-suspettat ewleni fl-attakk li sar lejliet l-ewwel tas-sena fi stabbiliment tad-Divertiment f’Istanbul.
Qed ikun irrapurtat li Abdulkadir Masharipov, dak maħsub li fl-aħħar lejl tal-elfejn u sittax ħalla disgħa u tletin persuna bla ħajja, kien imħarreġ l-Afganistan, u daħal it-Turkija f’Jannar tas-sena l-oħra.
Jidher li s-suspettat ammetta li kien hu l-moħħ wara l-attakk, u l-marki tas-swaba tiegħu qablu ma’ dawk li nstabu fuq il-post fejn seħħ l-attakk.
Huwa kien arrestat fit-Turkija stess proprju fid-distrett t’Esenyurt, li jinsab madwar erbgħa u tletin kilometru bogħod miċ-ċentru t’Istanbul. Miegħu kienu arrestati wkoll raġel ieħor u tliet nisa.
Fl-attakk ta’ lejliet l-ewwel tas-sena tilfu ħajjithom ċittadini Iżraeljani, Franċiżi, Tuneżini, Indjani u Belġjani, fost ħafna oħrajn li sfaw midruba.
L-hekk imsejħa Militanti tal-Istat Iżlamiku kienu refgħu r-responsabbiltà għal dan l-attakk, li qalu li wettquh bħala tpattija għall-involviment militari Tork fis-Sirja.