Wara li l-ġimgħa li għaddiet sar magħruf li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat il-kumpens ta’ €171,000 li l-kumpanija Allied Newspapers tat-Times trid tagħti lill-eks ġurnalist tagħha Ivan Camilleri wara li twaqqaf mill-impjieg, deċiżjoni li ġiet ġustifikata mill-istess tmexxija tal-kumpanija, pronta kienet it-tweġiba u l-attakk mix-Shift News.
Fl-aħħar jiem sar magħruf kif Ivan Camilleri hu kontributur anonimu ewlieni mal-istess portal tal-establishment Nazzjonalista.
It-Times sostniet li t-tkeċċija ta’ Ivan Camilleri seħħet biex tiġi protetta l-integrità tal-kumpanija u jinsabu diżappuntati bid-deċizjoni tal-Qorti, waqt li qalet li l-każ intilef għal raġunijiet proċedurali.
F’kontro-attakk, ix-Shift News irriproduċiet artiklu miktub mill-Avukat Paul Gonzi, iben l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Hawnhekk Gonzi ż-żgħir jargumenta li mhux veru kienu raġunijiet proċedurali li wasslu għad-deċiżjoni tal-Qorti, imma l-każ intilef, għax it-Times ma ġabet l-ebda evidenza biex tissostanzja l-każ.
L-artiklu ttieħed minn fuq is-sit tal-kumpanija tal-avukati Fenech & Fenech Advocates, fejn jaħdem Dr Paul Gonzi u anke Ann Fenech, eks President tal-Partit Nazzjonalista.
Interessanti li meta wieħed idur is-sit tad-ditta Fenech & Fenech Advocates ma tantx issib artikli fuq każi speċifiċi, imma artikli ta’ natura legali fuq żviluppi fil-liġijiet.
Fl-artiklu tiegħu, Paul Gonzi jgħid li l-fatti juru li l-kumpanija tat-Times kissret il-ftehim kollettiv u ma tatx smigħ xieraq lil Ivan Camilleri. Qal ukoll li l-Editur Hermann Grech kellu konflitt ta’ interess, għax kien kemm investigatur fil-każ kif ukoll wieħed minn dawk li ddeċidew fuq it-tkeċċija.
Dan filwaqt li nnota kif it-Tribunal Industrijali wkoll kien qal li ma kienx ġustifikat li l-Editur tat-Times argumenta li, bħala ġurnalist, ma kellux jikxef is-sorsi tiegħu fil-każ, ladarba dan ma kienx rapportaġġ tal-gazzetta, imma każ ta’ dixxiplina interna skont il-ftehim kollettiv.
Ta’ min ifakkar li l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kellu jaħdem miegħu bħala Kap tal-Komunikazzjoni lil Alan Camilleri, ħu l-istess Ivan Camilleri.
Issa t-tifel ta’ Gonzi spiċċa jiddefendi l-aġir ta’ Ivan Camilleri, li skont it-Times allegatament għadda l-informazzjoni lil Yorgen Fenech, l-akkużat bħala l-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Wara li tkeċċa mit-Times, Camilleri sar kontributur anonimu fuq ix-Shift News, kif jirriżulta minn deċiżjoni tal-Maġistrat Antoine Agius Bonnici meta waqqaf inkjesta mitluba mill-Avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, ibbażata fuq artikli li kiteb dwar Silvio Schembri.