Fl-Ukrajna, mill-anqas tliet persuni inqatlu u għoxrien indarbu, b’ħafna minnhom jinsabu f’qagħda kritika, wara attakk Russu fuq il-belt ta’ Zaphorizhzhia t-Tlieta.
Skont il-gvernatur reġjonali Ivan Fedorov, l-attakk laqat klinika privata fiċ-ċentru tal-belt u kkawża danni f’binjiet tal-madwar. Fost il-vittmi hemm żewġ tobba u tifla ta’ ħames snin.
Mill-anqas ħdax ġew midruba f’attakk separat b’żewġ missili ballistiċi fuq il-belt ta’ Zlatopil fir-reġjun ta’ Kharkiv. Skont l-awtoritajiet lokali, binja amministrattiva u sittax-il dar residenzjali kienu danneġġati.
F’kitba fuq il-pjattaforma X, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-attakk fuq Zaporizhzhia hija prova ċara li l-Ukrajna hemm bżonn li żżid is-sistema tad-difiża mill-ajru. Huwa żied jgħid li kien issottometta t-talbiet neċessarji lill-alleati tiegħu sabiex jagħmlu dan.
L-attakk huwa riżultat ta’ dak li ddikjara Zelensky nhar it-Tnejn, meta qal li ma kienx kuntrarju li potenzjalment iġib truppi mill-Punent sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-Ukrajna bħala parti mill-isforzi biex tintemm il-gwerra mar-Russja li issa ilha kważi tliet snin. Fuq is-sit tiegħu ta’ Telegram, Zelensky qal li dan ikun pass eqreb li l-Ukrajna tidħol fin-NATO.
Il-proposti tiegħu qed isegwu triq diplomatika delikata fi sfond ta’ sforzi internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni biex jintemm dan l-akbar kunflitt fl-Ewropa minn mindu spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija u fi żmien meta jidher li r-Russja bħalissa tinsab minn fuq.